Il-Kappella ta’ San Mikiel

Il-Kappella ta’ San Mikiel hija waħda mill-bosta kappelli li jagħmlu parti mill-parroċċa ta’ Ħal Lija, iżda hija l-unika waħda li ġiet mibnija bħala knisja fil-kampanja; fuq kollox il-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, li hija ’il bogħod minn nukleju tar-raħal kienet il-knisja prinċipali ta’ Casal Bordi, filwaqt li il-kappelli iddedikata lil San Bert u ’il Madonna, illum it-tnejn imwaqqgħa u mitluqa, kienu il-kappelli ta’ Casal Lamann (Ħal Mann).

Il-Knisja antika ta’ San Mikiel bil-kamra tan-nar fuq wara.

Il-Kappella ta’ San Mikiel, li tinsab maqtugħa għaliha fuq l-għolja tas-Simblija, turina biċ-ċar l-istil tal-bini tal-kappelli tas-Seklu XVI u XVII. Il-Knisja hija maqsuma f’żewġ taqsimiet, parti wiesgħa għan-nies fejn tesa’ xi ħamsin ruħ, u parti idjaq, tarġa ogħla mill-bqija, fejn hemm il-presbiterju u l-uniku artal. Is-saqaf huwa mibni fuq ħnejjiet nofs tond tal-ġebel, u l-art hija ċċangjata bil-franka. Fin-naħa t’isfel, ħdejn il-bieb, il-knisja hija mdawra b’bank tal-ġebel. Id-dawl jidħol mill-bieb prinċipali u mit-tieqa ta’ fuq il-bieb.

Il-Kappella fiha artal wieħed tal-ġebel u fuqu fi gwarniċ tal-ġebel skolpit hemm pittura sabiħa li turi lil San Mikiel b’xabla f’idejh, u lix-xitan taħtu marbut b’katina. Miz-zuntier tal-kappella tista’ tara ’l Ħal Lija u l-Iklin taħtek.


Ħarsa lejn l-istorja

Il-Kappella hija antika ferm tant li fl-1575 kienet diġa fi stat ħażin li Mons. Pietro Dusina, Inkwizitur u delegat tal-Papa, jgħidilna fil-Vista Appostolika tiegħu li l-kappella iddedikata lil San Mikiel fl-inħawi ta’  li Chili kellha biss artal wieħed u kienet bla paviment, mingħajr qassis biex jieħu ħsiebha u bla bibien. Tant hu hekk, Mons. Dusina ordna li jekk il-bibien ma jsirux fi żmien xahar, ma kellux isir quddies fiha sakemm dawn isiru.

Dehra ta’ l-artal  ta’ San Mikiel armat għall-festa [aktarx fl-1994 / 1995]

Fil-bidu tas-Seklu XVII il-kappella ġiet mibnija mill-ġdid bi flus Ġlormu Hagius. L-istess Hagius, fit-testment tiegħu (tas-26 ta’ Awwissu, 1635)  waqqafha f’ġuspatronat u ħallielha għalqa. Minn dan l-istess testment jidher li Hagius kien ħa ħsieb il-kappella, u li ħallieha fi stat ferm aħjar milli kienet 60 sena qabel.

Il-Kappella kienet taqdi l-bżonnijiet pastorali ta’ l-inħawi u fiha kien isir quddies regolari u mhux biss nhar il-festi ta’ San Mikiel. Fost l-affarijiet interessanti ta’ dan iż-żmien insibu pittura ħelwa ex-voto li turi lil San Mikiel u li ġġib id-data 1633. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1974 u llum huwa miżmum fil-Mużew Parrokkjali ta’ Ħal Lija.

Tul is-snin il-kappella gawdiet minn bosta renti – il-flus li kienu jidħlu mill-qbiela ta’ ġnien maġenb il-knisja u ta’ għalqa warajha, u mill-interessi fuq żewġ kapitali ta’ mitt skud. Dawn ir-renti li nsibuhom f’numru ta’ dokumenti antiki għenu sabiex il-kappella inżammet fi stat tajjeb u biex isiru l-festi ta’ San Mikiel. Tant hu hekk, fl-1852, ġew arġentati il-ġandlieri, vażetti, u carte di gloria, spiżq ta’ 23 skud. Fl-1926 ġiet indurata it-tazza tal-kalċi, biċċa xogħol li swiet 9 xelini. Fl-1925 fl-għalqa wara l-kappella ġiet mibnija l-Fabbrika tan-Nar ta’ San Mikiel.


Il-Festa ta’ San Mikiel

Sa xi snin ilu, il-Knisja kienet tiċċelebra żewġ festi ta’ San Mikiel, waħda nhar it-8 ta’ Mejju, tifkira tad-dehriet ta’ San Mikiel, u oħra nhar id-29 ta’ Settembru, magħrufa bħala l-Festa tad-Dedikazzjoni.

Fil-Kappella, il-festi kienu jiġu ċċelebrati bil-Vespri lejliet, li għalihom kienu jitilgħu il-Kappillan u l-Kleru ta’ Ħal Lija, u Quddiesa kantata bi priedka nhar kull festa filgħodu. Għall-quddiesa kienu jġibu predikatur u ġieli krew ukoll orgni.

Ta’ min ikun jaf mnejn bdew dawn il-festi. It-8 ta’ Mejju hija t-tifkira tad-dehriet ta’ San Mikiel fil-Grotta fil-Gargano (il-Gargano huwa dak il-promontorju kollu muntanji li jinsab fil-Pulja, fin-nofsinhar ta’ l-Italja); San Mikiel deher erba- darbiet (fl-490, fl-492, fl-493, fl-1656) lill-isqof tal-post. Madwar din il-grotta inbena santwarju u id-29 ta’ Settembru hija propju l-Festa tad-Dedikazzjoni ta’ din il-Bażilka.

Illum meta nsemmu l-festa niftakru fid-29 ta’ Settembru meta l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ l-Arkanġli Mikiel, Gabrijel, u Rafel. Għalhekk nhar l-aħħar Ħadd ta’ Settembru fil-Kappella tiġi ċċelebrata quddiesa sempliċi bi priedka tard wara nofinhar, wara jsir programm mużikali u fiera. Ma jonqosx in-nar ta’ l-art, il-murtali tal-kulur u fl-aħħar il-kaxxa nfernali. Għall-festa l-għolja kollha tkun imżejna bil-fjakkli, dehra li ftit taraha f’Malta.

[Dan l-artiklu deher l-ewwel fil-Villa Lija, Ottubru 1995, pġ 4]


Referenzi:

A(rkivju) P(arrokkjali) L(ija), Documenti Parrochiali, 1B
APL, Liber Defunctorum II, f.17
APL, Documenti Parrochiali, n.8
APL, Documenti Parrochiali, n.22
APL, Patrimonio A, f.177
APL, Documenti Diversi, n.57
APL, Amministarzione della Procura della Chiesa filiale di S. Michele Arcangelo
Arkivju Notarili, Atti ta’ Mario Attard, Testment ta’ Hieronymus Hagius (26/8/1635)

De Michele, P.F., Sul Gargano Apparve l’Arcangelo, Foggia (Italia).
Ebejer, A. 1979. Il-Qima ta’ San Mikiel f’Ħal Lija, Lija.
Ferris, A., 1866. Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo, Malta.
Lia, L., 1966. Il-Knisja ta’ San Mikiel, fil-Villa Lija, no. 9 (Novembru 1966), 15, Lija.


2 comments

Leave a comment