
Xi żmien ilu, ktibt artiklu f’dan il-blog fuq l-isem l-Iklin, u t-tifsira tiegħu. Illum nixtieq nikteb dwar uħud minn dawn l-inħawi li ntesew tul is-snin, u nafhom biss minn dawn id-dokumenti. Kif rajna d-darba l-oħra għajn ta’ tagħrif siewi dwar dawn l-ismijiet huma d-dokumenti notarali, u dokumenti oħra tas-sekli sittax u sbatax, li fuqhom ħadem l-istudju tiegħu il-Prof. Goddfrey Wettinger (2000).
Nixtieq nibda’ b’żewġ postijiet marbuta ma’ l-isem Abram. Ta’ min infakkar hawn li l-isem Iklin, jew spiss fl-antik Iklil, jista’ għandu rabta ma’ Khalil, titlu mogħti lil Abram (ara iżjed hawn). Fl-1539, insibu l-isem “gued brim, galca, in contrata taliklil,” cioè “Wied Brim (Abram), għalqa, fil-contrada/qasam ta’ l-Iklil” (Wettinger 2000, 570). Insibu ukoll, fl-istess sena 1539, “ta brahim, galca in contrata taliklil”, cioè “ta’ Brahim, għalqa fil-contrada/qasam ta’ l-Iklil” (Wettinger 2000, 66).
Isem ta’ żewġ għelieqi oħra kien Roqgħat tal-Ħusejn — “rochat vocatas tal chuseyn, duae lenciae di terra in contrata ta likilil”, miktuba fl-atti fl-1538. Skont Wettinger (2000, 477), Ħsejjen jista’ jkun isem, jew dar żgħira iffortikata, mill-Għarbi Hisn, fortizza. Tajjeb li nżid ukoll, però, li Hussein huwa isem popolari ħafna fl-Għarbi, u l-isem ta’ l-għelieqi jista’ jkun marbut miegħu.
Żewġ oqsma oħra għandhom isem marbut ma’ għodda. L-ewwel Tal-Minġel, isem li nsibuh darbtejn — “ta yl mingel” fl-1522, u “tal mengel” fl-1560 (Wettinger 2000, 385), li kien l-isem ta’ qasam f’Ħal Lija jew l-Iklin. Skont Wettinger, seta’ kien ukoll laqam ta’ xi ħadd. It-tieni, Tal-Qaws — “tal Caus, clausura in contrata ta lichlil”, fl-1544 (Wettinger 2000, 440). Dan kien l-isem ta’ għalqa fl-Iklin. Ta’ min infakkru li fost il-bdiewi l-għelieqi spiss għandhom isem jew laqam, fost oħrajn biex jitkellmu dwar propjetà u qbiela fiż-żmien qabel ir-registri tal-artijiet.
Fl-aħħar, insemmi ukoll Ta’ Xakfa — “ta xachfa”, fl-1544, u “ta sacfe” fl-1558 (Wettinger 2000, 610) — isem ta’ għalqa f’Ħal Lija u l‑Iklin. Skont Wettinger, “Xaqfa” kien aktarx laqam ta’ xi ħadd. Ta’ min inżid, li xaqfa tista’ tkun ukoll biċċa ta’ oġġett ta’ fuħħar (bl-Ingliż, potsherd) — fil-plural xaqquf. F’Għawdex, Patri Manwel Magri isemmi qasam magħruf bħal ix-Xaqqufija, fejn kien hemm ħafna biċċiet tal-fuħħar antik fil-wiċċ, li l-bdiewa kien jiġbru u jitħnu biex jagħmlu d-deffun għall-bjut.
Referenza:
Wettinger, G., 2000. Place-Names of the Maltese Islands, ca. 1300-1800, Malta: PEG.