
Ritratt: Josef Mario Briffa
F’waħda mill-aħħar żjarat tiegħi f’Malta, f’April tal-2018, tlajt nieħu xi ftit ritratti ta’ binja fuq it-triq tal-Balal, qrib il-borehole, li — ħasra! — ġie mwaqqa’ fil-proġett reċenti tat-twessiegħ tat-triq [1].
Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn tidher kamra oħra fl-għelieqi, waħda minn ħafna. Ħarsa iżjed bir-reqqa tatni x’nifhem li kien parti mid-difiża matul it-Tieni Gwerra Dinjija, f’każ ta’ invażjoni [2], fuq triq prinċipali lejn in-Naxxar. Bħalha jinstabu diversi minn Ta’ Qali — fejn kien kemm mitjar — lejn tal-Balal [3].
Il-binja fit-Triq tal-Balal. (Ritratti: Josef Mario Briffa)
L-iktar sinjal ċar huma li hemm biss żewġ it-twieqi żgħar, u mhux twieqi normali imma b’fetħa angolata — li tiswa’ biex tipproteġi minn qiegħed ġewwa, waqt li josserva u qed jiddefendi t-triq permezz ta’ arma tan-nar.
Hija ħasra li siti bħal dawn mhumiex dokumentati u protetti biżżejjed, hekk li l-wirt nazzjonali u lokali jitnaqqar bil-mod il-mod, sforz l-għaġġla fl-iżvilupp, u n-nuqqas ta’ tagħrif, u nuqqas ta’ investiment għar-riċerka [4].
Binja b’karatteristiċi simili fil-bidu ta’ Sqaq il-Ħwawar, l-Iklin (Ritratti: Josef Mario Briffa)
Dik il-binja fuq it-triq tal-Balal ma kinitx unika għal kollox fl-Iklin. Binja oħra, fil-bidu ta’ Sqaq il-Ħwawar turi karetteristiċi simili. U t-tnejn li huma jidher li għandhom rabta mal-gwerra tmur iżjed ‘l hinn.
XHE33 Tal-Balal battery
Qrib l-ewwel binja fuq it-triq prinċipali, kien hemm — għallinqas fl-1943 u l-1944 — il-batterija XHE33 Tal-Balal. Mill-map reference (MR 509 750), għandi nifhem li aktarx kienet fl-għalqa wara l-borehole. Kienet mgħammra b’erba’ kannuni Heavy Anti-Aircraft mobbli tat-tip Mk IA, b’kalibru ta’ 3.7 pulzier. Kella ukoll gun laying radar tat-tip GL Mk II. Il-batterija kienet f’idejn it-222 Heavy Anti-Aircraft Battery minn Derby, li kienet ukoll responsabbli minn batterija oħra (XHE27 Naxxar) f’Birguma. [5]

Kannuni Heavy Anti-Aircraft ta’ 3.7 pulzieri, f’Hyde Park, Londra, 1939. © IWM / H993
Din it-222 HAA Battery għanda storja interessanti. Oriġinalment parti mis-68th (North Midland) HAA Regiment, kienet ġiet skattata mir-riġment, u flimkien mal-190 u 191 Battery, mis-69th (Warwickshire) HAA Regiment, stazzjonata f’Malta bħala mit-10th HAA Regiment minn. Meta is-68th (North Midland) HAA Regiment intilef fid-disfatta f’Tobruk, fl-Afrika ta’ Fuq, it-222 Battery ġiet magħżula biex tiret l-isem, l-unuri u t-tradizzjoni tas-68th Regiment li minnu oriġinarjament ħarġet. Għalhekk, f’Ġunju tal-1943, it-10th Regiment ġie iffurmat mill-ġdid bħala is-68th (North Midland) HAA Regiment, bil-batteriji 222, 190 u 191 [6].
Fil-Knisja Anglikana tat-Trinità, f’Tas-Sliema, tinsabu ukoll plakka kommemorativa tal-membri ta’ dan ir-Riġment li tilfu ħajjithom fid-difiża ta’ pajjiżna, u jinstabu midfuna fiċ-ċimiteri militari f’Pembroke, tal-Pietà, u l-Imtarrfa.
Noti:
HAA = Heavy Anti-Aircraft
[1] Il-bini ma jidhirx iżjed fir-ritratti taż-żona, ippubblikati fil-Press Release mill-ministeru.
[2] F’korrispondenza ma’ Fondazzjoni Wirt Artna permezz ta’ Facebook (Ottubru 2017), huma identifikaw din il-binja bħala “defencible FA building parti mill-anti-invasion defences” ta’ pajjiżna.
[3] “Wartime observation post survives the ravages of peace” [external link], Times of Malta, 31.01.2017.
[4] cf. Keith Micallef, “ ‘Unauthorised’ Tal-Balal road works denounced by heritage watchdog
Shortcoming flagged in submissions to PA” [external link], Times of Malta, 03.10.2018
[5] Rollo, Denis, The Guns and Gunners of Malta, Valletta: Mondial, 1999, p. 388-389.
[6] Rollo, The Guns, p. 280.
Ħajr lil Mario Ellul għall-għajnuna b’diversi riferimenti.






[…] Ordnance Corps li kellu d-dmir li jfornixxi armi u munizzjon lill-armata. F’artiklu iehor (ikklikkja hawn), tkellimt ukoll dwar batterija anti-aircraft li kien hawn […]