Jgħixu ġewwa għar fl-Iklin (1642)

Impressjoni artistika t’għar abitabbli [1]

L-Iklin bħala żona residenzjali m’għandux xi storja twila bħall-irħula ta’ madwaru. Minħabba f’hekk faċli ninsew li dan ma jfissirx li ħadd ma kien jgħix hemm! Xhieda ta’ dan huma d-diversi rziezet imxerrda fil-kampanja, u kultant xi storja partikolari li nsibu fid-dokumenti. [2]

Każ interessanti huwa dak ta’ Ġakbu Sant minn Ħal Lija, li nafu dwaru minn petizzjoni lill-Gran Mastru Lascaris f’Novembru ta’ l-1642 [3]. Fil-petizzjoni, Sant jgħid li huwa fost l-ifqar f’Ħal Lija (poverissimo), u kien jieħu ħsieb żewġ neputijiet li kien għadhom xbejbiet (nipoti verginelle), li ma kellux biex imantnihom. Għalhekk talab lill-Gran Mastru li jingħata, fl-inħawi magħrufa bħala “ta’ l-Iklil,” medda art daqs tliet sigħan (nofs tomna), kważi kollu ġebel, fejn hemm għar żgħir, biex imur jgħix hemm u jibni dwejra għan-neputijiet. Sant iżid ukoll li dan mhux se jkun ta’ dannu la għall-pubbliku u lanqas għall-privat. U jwiegħed — kif jitlob il-protokoll! — li jibqgħu obligati jitolbu lill-Mulej ħajja twila għall-Gran Mastru.

Fl-istess dokument insibu ukoll kif l-uffiċċjal tal-Gran Mastru — il-Ballju ta’ Nigroponte, Fra Giovanni de Villaruel — talab li l-kuntistabbli ta’ Ħal Lija jinvestigaw li kollox huwa minnu, u r-rapport li jikkonferma dan kollu.


Dokument bħal dan jagħtina tieqa ċkejkna fuq ir-realtà soċjali tal-passat. Ma kienx hemm servizzi soċjali kif nifhmuhom illum, u l-ħajja kienet iżjed prekarja. Ma nafux sew għalfejn Ġakbu Sant kien tant fqir, jew kif spiċċa responsabbli min-neputijiet. Fl-istess ħin, interessanti li bniedem tant fqir kellu aċċess li jagħmel petizzjoni lill-Gran Mastru — bla dubju miktuba għalih minn nutar — u jidher li l-petizzjoni ntlaqgħet.

M’għandniex għalfejn nistagħġbu l-anqas li huwa jitlob li jgħix ġewwa għar. Insibu tant għerien fil-kampanja Maltija li kienu abitati; kultant kommunità sħiħa, bħall-każ tas-Simblija qrib Ħad-Dingli [3], jew Għar il-Kbir qrib il-Buskett, abitat fl-għerien tant magħruf li ġibed l-attenzjoni ta’ l-istudjuż Ġiżwita magħruf patri Athanasius Kircher fis-seklu sbatax, u baqa’ abitat sal-bidu tas-seklu 19.

F’dawn il-każi, l-għerien kienu spiss magħluqa permezz ta’ ħitan biex jilqgħuhom mill-elementi, u b’ħitan jifirdu kamra minn oħra fuq ġewwa. Kultant kienu jiġu mkabbra permezz ta’ xi kamra maġenbhom, kif jidher li seta’ kellu f’moħħu Ġakbu Sant.

Noti:
[1] Impressjoni artistika bbażata fuq ritratt ta’ parti minn Għar il-Kbir, Siġġiewi. Ritratt oriġinali ta’ Frank Vincentz fuq Wikimedia [link estern] / modifiki tiegħi. CC BY-SA 3.0
[2] L-ewwel li qrajt dwar dan kien f’artiklu ta’ S. Fiorini, p. 21 (S. Fiorini 1994. “Ħal Lija. Ir-Raħal u Niesu miż-Żminijiet tan-nofs sa tmiem żmien l-Ordni ta’ San Ġwann,” pp. 89-26, f’Ġ. Fenech, ed., Ħal Lija. Ħarsa lejn l-Imgħoddi, Malta).
[3] Biblioteka Nazzjonali Valletta, AOM, 1184 f. 337 (13.xi.1642). Ħajr lil Michelle Buhagiar ta’ l-għajnuna.
[4] F’idejn Fondazzjoni Wirt Artna (https://www.wirtartna.org/heritage-held-in-trust.html)

Aġġornat 30.08.2020


Leave a comment