
It has been one year already, Nanna Ċens. Remembering you with gratitude, for your life and example to all of us. I share once more the words I sent from Nazareth (where I was with my students) to be read at the funeral:
Nann, naf li xtaqtni li nkun Malta. Jien ukoll. Imma l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Il-Mulej tani, l-Mulej ħadli … ikun imbierek isem il-Mulej. Tlabna għalik ilbieraħ f’Nazaret, fejn il-Mulej kiber fil-kenn ta’ ommu Marija, u llum f’xatt l-Għadira ta’ Tiberija, f’Kafarnahum fejn qatta’ ħafna minn ħidmietu. Kullimkien li jfakkarna fil-fedeltà tal-Mulej Ġesù u ta’ ommu Marija, Għajnuna ta’ l-Insara. Dik il-fedeltà sempliċi li tant għallimtna inti.
Fedeltà t’imħabba sempliċi, ta’ fidi veru u profonda … mhux għax mingħajr diffetti, jew mingħajr mumenti iebsa, imma li tibqa’ tfittex lill-Mulej. Fidi mibnija fuq tama qawwija. M’għandix dubju li meta rajtu wiċċ imb’wiċċ għaraftu, u laqgħek b’dirgħajh miftuħa … ma stajtx ma tagħrfux ghax tant qdejtu u fittixtu fil-pjaneti kollha li kont tfassal u tħit, f’kemm sellimtlu bil-lejl qabel torqod minn wara l-purtella f’Norfolk Street, mal-bieb tal-ġenb ta’ San Girgor, u f’kemm bqajt tfittxu kuljum u kull meta flaħt fil-quddies u s-sagramenti.
Sa l-aħħar li tkellimna bit-telefon, dejjem tlabtni nitlob għalik, u jien dejjem fakkartek titlob ghalija. Issa nirrikmandaw lil ruħek lil Mulej, imma fuq kollox nitolbuk titlob ghalina. Issa żgur li eqreb inti.
Ħa jilqek Kristu li sejjaħlek ghal warajh,
Ħa jeħduk l-anġli fi ħdan Abraham
Ħudu magħkom lil ruħha
Wasluha quddiem Alla l-Għoli!”
[Ritratt: ħajr lil Johann Briffa]
First posted on Facebook, 15 September 2020.