
L-Għar f’Monte Sant’Angelo, fl-1965 (Ritratt: Paolo Monti, Fondo Paolo Monti / BEIC, Civico Archivio Fotografico of Milan., CC BY-SA 4.0)
Ma nistgħux insemmu l-Iklin mingħajr San Mikiel. Il-Kappella ddedikata lilu hija parti ċentrali tal-wirt storiku tagħna, u l-figura tiegħu hija ċentrali fuq l-arma tal-Kunsill Lokali. Imma faċli ninsew kemm kien qawwi dan il-kult fil-Medjuevu, u s-santwarju fejn it-tradizzjoni tgħid li San Mikiel deher fil-Gargano, qrib San Giovanni Rotondo, fejn hu meqjum Padre Pio.
Il-Gargano donnu l-ixprun f’dak l-istval li hija l-mappa tal-Italja, fin-naħa ta’ fuq tar-reġjun tal-Puglia. Żona muntanjuża, u maestuża, u f’nofs insibu din il-belt antika ta’ Monte Sant’Angelo, bil-kastell tagħha, mibnija madwar dan l-għar u s-santwarju ddedikat lil San Mikiel, meqjuż bħal sit ta’ Patrimonju Dinji mill-UNESCO.
Skond it-tradizzjoni, hawn San Mikiel deher fi tmiem is-seklu ħamsa w.K. (c. 490 AD), lill-isqof ta’ Sipontum, u talbu biex dan l-għar isir santwarju, filwaqt li wiegħdu protezzjoni kontra l-attakki tal-għadu pagan. Dehra oħra ssemmi kif san Mikiel deher f’xabla tan-nar fuq il-muntanja, u ħeles lill-belt mill-attakki tal-għadu. Il-festa antika tad-dehra ta’ San Mikiel, nhar it-8 ta’ Mejju kienet tfakkar din id-dehra, u bdiet tinxtered mis-seklu IX w.K., u żdiedet fil-kalendarju universali minn Papa Piju V, fis-seklu XVI w.K., fejn baqgħet sar-riforma tal-kalendarju wara l-Konċilju Vatikan II. Il-festa ta’ San Mikiel nhar id-29 ta’ Settembru, tfakkar id-dedikazzjoni ta’ din il-bażilka.
Monte Sant’Angelo kien wieħed miċ-ċentri importanti ta’ pellegrinaġġ fil-Medjuevu, ma’ ċentri oħra bħal Ġerusalemm u l-Art Imqaddsa, Ruma (San Pietru u San Pawl), Santiago (San Ġakbu), u Canterbury (San Tumas Becket). Lil San Mikiel insibuh protagonist ukoll tat-tradizzjoni tad-dehra f’Mont Saint-Michel, fi Franza, u Castel Sant’Angelo f’Ruma, fejn skont it-tradizzjoni San Mikiel deher fi tmiem il-pesta fi żmien il-Papa San Girgor il-Kbir.
Imma min hu San Mikiel? Dan l-arkanġlu jissemma fil-Bibbja fil-ktieb tal-profeta Danjel (10:13-21, 12:1), fl-ittra ta’ San Ġuda (1:9), u fl-Apokalissi (12:7-9). Ismu Mi-kha-El ifisser Min-bħal-Alla? … jintrabat mat-tradizzjoni biblika fejn San Mikiel jeħodha kontra x-Xitan li jrid bħallikieku li jieħu post Alla. Għalhekk San Mikiel huwa meqjum bħala protettur tal-Knisja, u ukoll venerat ħafna fost is-suldati. Xhieda ta’ dan f’pajjiżna stess, il-fortizza f’tarf il-Birgu huwa magħruf bħala Kastel jew Forti Sant’Anġlu (liema anġlu taħsbu?), u fl-Isla ukoll, il-forti fi żmien l-Assedju l-Kbir kien il-Forti San Mikiel.
F’pajjiżna insibu ukoll diversi kappelli ddedikati li San Mikiel: minbarra dik ta’ l-Iklin, insibu waħda fl-inħawi tas-Salini (Naxxar), u oħra l-Imqabba, maġenba San Bażilju. Hemm oħra, iżjed antika, illum mitluqa, magħruf bħala San Mikiel is-Sanċir, fl-inħawi ta’ Ġnien is-Sultan, fir-Rabat. Kien hemm ukoll Kappella ta’ San Mikiel f’Ħal Balzan, u meta din ġiet pprofanata, l-artal ġie trasferit fil-knisja parrokkjali.
Insibu diversi artali ddedikati lil San Mikiel fil-knejjes tagħna, u ukoll fratellanzi ta’ San Mikiel fi tmien parroċċi: Ħal Balzan, ir-Rabat (Malta), San Pawl tal-Belt, Bormla, San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, iż-Żejtun, Għargħur, Ħaż-Żabbar u San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex.