

Jgħidu li “l-kliem bħaċ-ċirasa, terfa’ waħda, ittella’ qoffa”. Ir-riċerka fl-arkivji, xi ftit ukoll. Tibda’ minn x’imkien, u referenza tiġbed oħra, u dokument iwasslek għal iehor (bogħod mis-suġġett li minnu bdejt!), u bla ma naf kif, sibt f’idejja ħames pjanti marbuta ma’ siti iehor taż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Iklin, post magħruf fid-dokumenti bħala L’Inglin Quarry.
M’għandix wisq tagħrif dwar dan is-sit u dwar l-użu tiegħu, imma tlieta mill-pjanti jġibu fit-titlu il-Malta Command, it-taqsima ta’ l-armata Ingliża li kellha f’idejha il-ħarsien ta’ Malta. L-ewwel żewġ pjanti, li jidhru hawn fuq (ikklikkja fuq l-istampa biex tkabbar) iġibu d-dati ta’ Awwissu u Settembru ta’ l-1942, fl-eqqel tal-gwerra. F’dan iż-żmien ta’ attakki qliel fuq Malta, l-armata kienet tfittex postijiet ta’ kenn, u hemm jidher li ntużat barriera fl-Iklin biex isiru workshop ta’ l-R.A.O.C., ir-Royal Army Ordnance Corps li kellu d-dmir li jfornixxi armi u munizzjon lill-armata. F’artiklu iehor (ikklikkja hawn), tkellimt ukoll dwar batterija anti-aircraft li kien hawn fl-inħawi.
It-tielet pjanta (fuq, xellug) ma ġġibx data partikolari, imma tkompli s-serje tal-Malta Command, u probabli ħafna li hija ukoll ta’ żmien il-gwera. Hawn għandna nifhmu li s-sit ġie żviluppat iżjed, u issa għadda f’idejn l-R.E.M.E., ir-Royal Electrical and Mechanical Engineers.
Jidher li laħaq għadda ż-żmien sar-raba’ pjanti (fuq, lemin), fejn diġa’ tqattet it-tieni barriera, hawn immarkata bħala “quarry”. Sfortunament din il-mappa ma ġġib ebda data, u anqas fit-titlu il-Malta Command. Hemm ċans li dan l-arranġament kien diġa’ wara l-gwerra, jew għallinqas fit-tarf tagħha. Il-pjanta, però, tindika użu militari ċar, b’diversi billets ordinarji, imma ukoll — separatement — sergeants’ mess u billets, u officers’ mess u billets, minbarra l-workshops ta’ tipi diversi.

L-aħħar pjanta teħodna għaxar snin wara l-gwerra, meta l-barriera l-qadima issa ġiet trasformata f’għelieqi, waqt li t-tieni barriera li diġa’ rajna fir-raba’ pjanta, għada mmarkata bħala barriera.
Illum dawn iż-żewġ barrieri fil-qalba ta’ l-Iklin għadhom jintużaw bħala għelieqi. Tkunu ħaġa’ xierqa però, li waqt li ma jintilifx l-użu agrikolu tagħhom, ma ninsewx l-istorja tagħhom, u s-sehem li kellhom fil-gwerra ukoll.
Ritratt mis-satellita, f’Mejju 2021, bis-sit indikat permezz ta’ stilla blu skura, u dettal ta’ l-istess sit.
Sors: Google Earth, copyright kif indikat fir-ritratt.
Referenzi:
- NAM/PDM-04-61245. Malta Command. L’Inglin Quarry Approach Road. 08/09-1942 [link]
- NAM/PDM-04-61246. Malta Command. L’Inglin Quarry. R.A.O.C. Workshops. 09-1942 [link]
- NAM/PDM-04-61249. Malta Command. L’Inglin Quarry. R.E.M.E. Workshops and Accommodation. [link]
- NAM/PDM-04-61248. L’Inglin Quarry [link]
- NAM/PDM-04-61247. Sketch Plan of L’Inglin Quarries. 02-1955 [link]



