“Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja” – Book launch (IDAHOT 2022)

Fl-okkazzjoni tat-tnedija tal-ktieb Naqqaxtek fuq il-Pali ta’ jdejja, nhar is-17 ta’ Mejju 2022, kont ġejt mistieden biex inkun wieħed mill-kelliema, dritt wara l-keynote speaker Prof. Nadia Delicata. Inġib hawnhekk it-test integrali:


Grazzi ta’ dawn il-kelmtejn ta’ introduzzjoni. Mhix facli wara Professor Delicata.

First things first. L-ewwel nixtieq nifraħ lil Drachma Parents ta’ din il-pubblikazzjoni, u wkoll ta’ l-inizzjattiva għal dan il-ktieb f’waqtu. Bla dubju din il-konversazzjoni dwar l-akkoljenza ta’ persuni LGBTI fil-Knisja hija waħda kurrenti. U Drachma Parents ma qagħdux lura milli jaffrontaw tema kumplessa.

Sfortunatament, f’ċerti ambjenti nsara — speċjalment evanġelici, u kultant f’dawk kattoliċi ukoll — il‑Bibbja tintuża biex teskludi persuni LGBTI, biex twarrabhom, tweggaghhom u tikkundanahom. Drachma parents f’dan il-ktieb iwieġbu għal dan. Forsi għax trid iġġarrab inti, jew persuni qrib tiegħek, biex tifhem l-uġiegħ li n-nuqqas t’akkoljenza ġġib fil-Knisja, iżjed u iżjed meta dan isir f’isem il-Kelma t’Alla.

Dan il-ktieb — kif diġa’ sejjemt — huwa f’waqtu. Nafu biżżejjed li hemm bżonn ta’ konversazzjoni serja fi ħdan il-Knisja dwar ir-realtà LGBTI. Naturalment, l-ewwel pass importanti huwa li – propju fis-sens li jitlob il-proċess sinodali — li nisimgħu, u li nisimgħu biex nifhmu mhux biex inwieġbu, nisimgħu tassew l-istejjer, u l-ħajjiet, u l-esperjenzi tagħna bħala Knisja. Imma titlob ukoll li — b’kuraġġ — il-Knisja tħares mill-ġdid lejn dawn it-tematiċi, u tkompli riflessjoni serja, miftuħa. Parti minn din ir-riflessjoni titlob li nħarsu sew lejn il-Bibbja, u naraw x’tgħid — jew aħjar ngħid x’ma tgħidx — il-Bibbja dwar l-omosesswalità.

Dan il-ktieb iħares b’sens kritiku, imma b’rispett kbir lejn il-Bibbja, u naħseb li jirnexxilu jsib bilanċ delikat. Min-naħa jitkellem ċar u tond, fejn jidher li hemm siltiet apparentament ta’ kundanna għall-omosesswalità, li fil-fatt qed jiġu moqrija b’mod żbaljat — bħal fil-każ klassiku ta’ l-istorja ta’ Sodoma. Mill-oħra jagħraf il-limitu tal-kuntest storiku u soċjali meta nkitbu dawn is-siltiet u ma jipruvax idawwar id-diskors kif jaqbillu. Tajjeb li nfakkaru li l-kotba tal-Bibbja ma waqgħux mill-ajru, imma huma nkarnati f’mumenti storiċi partikolari. Dan jitlob onesta ta’ riċerka u ta’ kitba, u fl-istess ħin juri toroq possibli ta’ fejn u kif il-Kelma t’Alla tista’ u trid tiġi applikata illum.

Żgur li ktieb hekk mhux l-aħħar kelma, imma l-anqas jixtieq ikun l-aħħar kelma, imma parti importanti minn konversazzjoni serja. Nota waħda żgħira li nżid hija li, filwaqt li mhux ktieb akkademiku, huwa ktieb xi ftit tekniku, iżjed għal idejn min jixtieq jidħol fil-fond f’dawn it-tematiċi, u min hawn jiftaħ il-bieb għal iżjed riċerka u qari.

Bla dubju jkun siewi ħafna f’idejn nsara committed li jidħlu iżjed fil-fond f’dan is-suġġett, f’idejn operaturi pastorali (saċerdoti, reliġjużi u lajċi),  u naturalment f’idejn persuni LGBTI u min hu qribhom, biex jidħlu iżjed fil-fond f’din it-tema. Mill-ġdid, mhux bħala l-aħħar kelma, imma bħala konversazzjoni.

Mill-ġdid grazzi lil Drachma Parents għal dan il-ktieb, u għal ħidma tagħhom bħala eżempju t’akkoljenza. Lill-ġenituri oħra li forsi isibha diffiċli li jilqgħu lill-udliedhom, infakkar kliem il-Papa, fil-jiem li għaddew.: “Alla ma jiċħad lil ħadd minn uliedu.” U nżid kliem l-arċisqof nhar il-Ħadd li għadda, fejn appella lil ġenitri: “ilqgħu lil uliedkom bħalma jilqagħhom Alla l-Missier li ħalaqhom.”

J’Alla konversazzjoni serja dwar dak li tgħid il-Bibbja tgħinna nagħmlu dan aħjar. Grazzi.


Aktar tagħrif dwar l-okkażjoni: https://knisja.mt/jitnieda-l-ktieb-naqqaxtek-fuq-il-pali-ta-jdejja/

[ippubblikati fuq dan il-blog nhar it-3 ta’ Mejju 2025]

Leave a comment