San Mikiel fl-Iklin, u n-namra tiegħi għall-istorja

Kull biċċa riċerka għandha xi ftit ta’ storja personali. L-aħħar artiklu li ktibt — u li għadu kif ħareġ fil-ktieb kommemorattiv għall-100 sena tal-Kamra tan-Nar San Mikiel (ara isfel) — għandu waħda twila, twila 30 sena!

Xi xahar u nofs ilu, waqt li qed jiġi ffinnaliżżat il-ktieb għall-istampa, kitibli messaġġ Jeremy Dalli. Lil Jeremy ilna nafu li xulxin minn tfulitna: minkejja hemm xi ħames snin bejnietna, fir-raħal, fl-abbatini u fil-parroċċa, nafu sew lil xulxin. U xi ftit kuntatt żammejna, minkejja li jiena rari Malta. Bid-difetti kollha tagħhom, is-social media jistgħu jgħinu biex wieħed iżomm kuntatt.

Jeremy talabni l-permess li jinkludu fil-ktieb artiklu tiegħi li kien deher fil-Villa Lija — f’Ottubru ta’ l-1995! — dwar il-Kappella ta’ San Mikiel [link għalih hawn]. Sewwa u xieraq li fil-ktieb dwar il-Kamra tan-Nar ikun hemm artiklu dwar il-Kappella li tatha isimha, u dak ktibt jien kien wieħed mill-iżjed reċenti. Iżda ħassejt li llum, f’okkażjoni hekk, kien jixraq xi ħaġa aħjar. Għaddew 30 snin , u xtaqt nikteb artiklu ġdid, b’riċerka aħjar u iżjed fid-dettal.

Ritratti: Josef Mario Briffa SJ

Il-bidu

Dak l-artiklu li ħareġ fl-1995 iġibli diversi memorja. In-namra għall-istorja u l-arkeoloġija ilha ġejja minn żgħożiti. L-ewwel biċċa riċerka vera li qatt għamilt f’ħajti, kienet propju dik dwar il-kappella ta’ San Mikiel.

Frisk frisk mill-Form 5 (fl-1994), kont sibt ħafna għajnuna mill-mibki Dun (Mons.) Ġużepp Fenech, u minn Dun (Mons.) Alfred Xuereb, biex ninteressa ruħi fl-istorja. L-ewwel arkivju u riċerka storika għamiltha fl-arkivju parrokkjali ta’ Ħal Lija. Kien għenni ukoll in-Nutar Franco Pellegrini, li sabli fl-arkivju notarili it-testment ta’ Ġlormu Agius. Dun Charles Scicluna, illum Mons. Arċisqof, kien tani palata ukoll, speċjalment bil-Latin ta’ Dusina. Għad għandi l-fotokopji ta’ dokumenti, u xi ritratti sfukati (dak iż-żmien kollox fuq film, mhux diġitali … u tarah tard wisq!), id-dar għand ommi u missieri.

Għall-interess fl-istorja ta’ l-Iklin kont sibt ukoll ħafna inkoraġġament mill-Kunsillier is-Sur Joe Cremona u mill-ewwel Sindku ta’ l-Iklin is-Sur Joseph Buttigieg, tant li kont mistieden bħala kelliem fl-ewwel jum l-Iklin fl-1995 — ġuvnott ta’ 16-il sena! — dwar l-istorja u l-arkeoloġija ta’ l-Iklin. Fl-1996, imbagħad, bl-għajnuna tas-Sur Anthony Dalli, li kien għadu kemm ġie elett Sindku ta’ l-Iklin, u tal-kappillan ta’ Ħal Lija, il-mibki Dun Nazzareno Caruana, konna tellajna wirja dwar l-istorja tal-kappella San Mikiel. Fil-wirji kien hemm dokumenti u kopji ta’ dokumenti, l-ex-voto mill-Mużew Parrokkjali, il-kurċifiss impitter mis-Salvatur il-Qadim, u l-karti glorja mill-kappella. (Forsi tletin sena wara, ħaqqna naħsbu f’xi wirja simili!)

Bejn l-1994 u l-1998, bħala Sixth Former u student tal-BA fl-istorja u l-arkeoloġija, ktibt xi ftit artikli dwar l-Iklin, fir-rivista tal-Kunsill Lokali ta’ l-Iklin, fit-Tabor u fil-miġemgħa. [Ara l-lista hawn]


Bidu ġdid (2017-illum)

Is-snin gerrbu, u wara li dħalt Ġiżwita fis-sena 2000, ir-riċerka dwar l-Iklin ftit kelli ċans naħseb dwarha. Imma l-interess hemm baqa’ itektek fuq nar bati. Is-snin għaddew, imma ndunajt li l-artikli tiegħi baqgħu fost il-ftit dwar l-istorja ta’ l-Iklin, u sar iżjed diffiċli issibhom. B’hekk ħloqt sit wordpress (li xi żmien wara nkorporajtu hawn, f’dan is-sit) bit-titlu L-Iklin. Ftit Ħżuż Storiċi u Kulturali.. Ħloqt ukoll profili fuq is-social media.

Barra li ġbart l-artikli li ktibt bejn l-1994 u l-1998 u qiegħdthom online (biex jibqgħu disponibbli), żidt bil-mod il-mod xi artikli oħra, kemm minn materjali li kelli miġbura u qatt ma ppublikajt, kif ukoll minn xi riċerki żgħar ġodda ġodda. Fittex ‘l hawn, fittex ‘l hemm, dejjem issib xi storja ġdida fuq xiex tikteb.

Min jinteressah, isib id-diversi artikli hawn.


Mill-ġdid San Mikiel

Fl-aħħar snin, fost l-artikli għall-blogg kont ktibt xi żewġ artikli qosra dwar il-Kappella ta’ San Mikiel. U kelli ukoll xi riċerka li kont għadni ma ktibtx dwarha. Hekk li meta kitibli Jeremy Dalli, ġiet ix-xoqqa f’moxtha! Minkejja li ma kelli nlesti l-artiklu fi żmien qasir, kelli tista’ tgħid kollox lest kemm nikteb.

Mhux hekk biss, imma fl-aħħar snin, l-arkivju ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta [issibuh hawn] qed jaħdem fuq proġett li jqiegħed online diversi mill-viżti pastorali li saru fis-seklu 16, 17, u 18. Bis-saħħa t’hekk stajt infittex, bil-kumdità kollha minn kamarti (u minn Ruma!), it-tagħrif dwar il-Kappella ta’ San Mikiel f’dan il-viżti. Ħajr ukoll lill-arkivista Rev. Kan. Dr Nicholas J. Doublet, li qabel ma kien kollox online, kien ukoll għenni nsib xi dokumenti li kelli bżonn.

F’dan l-artiklu l-ġdid nirrakkonta dwar l-istorja tal-kappella l-antika ta’ San Mikiel, dik li tissemma fil-Viżta ta’ Dusina. Sibt xi tagħrif ġdid dwar il-kappella qabel l-1615. U b’mod partikolari, stajt nikteb fid-dettal dwar il-bini mill-ġdid tal-kappella fl-1615 minn Ġlormu Agius. Mill-viżti pastorali, stajt inżid xi dettalji ma’ dawk li kont ktibt fl-ewwel artiklu 30 sena ilu, dwar l-istorja tal-kappella tul is-sekli. Sibt ukoll riferenza għall-pittur tal-kwadru titulari ta’ San Mikiel, pittur magħruf bil-laqam il Romano, forsi ċertu Silvestro Querio. Dak issa nħallih għall-esperti fl-istorja ta’ l-arti.

Fl-artiklu nagħti ukoll xi tagħrif dwar l-oriġini tal-festi ta’ San Mikiel — fiż-żmien kienu jiġu ċċelebrati tnejn, u r-rabta mas-Santwarju ta’ San Mikiel fil-Gargano.


Ritratti: St. Michael’s Fireworks Factory Ħal Lija A.D 1925 (Facebook)

Bis-saħħa taċ-ċentinarju tal-Kamra tan-Nar erġajt mort lura għall-bidu tan-namra tiegħi lejn l-istorja (u l-arkeoloġija). Nittama li dan l-artiklu ikompli jqajjem interess fl-istorja mhux biss ta’ pajjiżna, u ta’ l-irħula tagħna, iżda jifthilna ukoll għajnejna għall-wirt storiku u arkeoloġiku għani ta’ pajjiżna. Tajjeb li niftakru li dan il-wirt huwa tagħna biex nieħdu ħsiebu, u kultant ir-rebgħa għall-iżvilupp sfrentat, teqred il-wirt storiku u kulturali, minbarra dak naturali, u jintilef darba għal dejjem.


J.M. Briffa 2025, “Il-Kappella ta’ San Mikiel”, pp. 31-38 f’ Il-Kamra tan-Nar San Mikiel. 100 sena storja ta’ suċċess, ippubblikat mill-Kamra tan-Nar San Mikiel. Iżjed tagħrif dwar il-ktieb mill-istess Ghaqda tan-Nar. (Profil Facebook hawn).

One comment

  1. Interessanti ferm!
    Għal ftit ħsibt li dħalt mal-kamra tan-nar. Talent ieħor tiegħek li ma kontx naf bih!
    Għoġbitni – ġuvnott ta’ 16-il sena!
    O żmien ħelu kif ħallejtni ☺️ Ninkik ftit!

Leave a comment