Il-ħmira fil-folklor, Magri u traċċi tal-Lvant

X’għandu x’jaqsam il-folklor Malti dwar l-għaġina u l-ħmira, mat-tqarbin u l-insara tal-Lvant? Iżjed milli taħsbu, u għalhekk se neħodkom fuq vjaġġ miegħi fil-folklor u l-istorja tal-ħajja nisranija f’Malta. U ma nistgħux ma nibdewx minn Patri Magri, missier il-folklor Malti.

Patri Manwel Magri SJ (1851-1907) ħallielna teżor fil-ġabra tiegħu tal-folklor u l-ħrejjef Maltin. Jibqa’ l-iżjed jissemma’ għal Ħrejjef Missirijietna, spiss stampati mill-ġdid (iżda mingħajr it-tifsir ta’ Magri). Magri ħalla teżor iehor ukoll: ġabra ta’ qwiel u foklor Malti, bl-isem X’Jgħid il-Malti jew l-Għerf bla Miktub tal-Maltin [qgħiedtha online fuq Zenodo hawn] ġie ippubblikat f’sensiela ta’ taqsima fis-sensiela tal-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien.

Fost il-folkor, Magri jiġbor xi taqbiliet li kienu jingħadu waqt li ssir l-għaġna għall-ftajjar u l-ħobż. Naqraw l-ewwel x’qal Magri:

Nibdew mill‑għaġna.
Meta l‑għaġin jnixxuh u jibda tiela’ nfafat u bżieżaq jagħmlulu salib b’idhom jew bi dqiqa u jgħattuh sabiex jitla’ u jgħidulu:

a) Itla’ u fur,
Bħalma Kristu
Tela’ min gol‑bur; [bur/bir = il-qabar]

b) Itla’ u thenna
U tħallix ’il min jistenna;

c) Itla’ u thenna
Bħal meta Kristu
Tela’ l‑ġenna;

d) Itla’ u rendi
U imla l‑lembi;

e) Itla’ u strieħ
Bħal meta d‑dqiq
Ikun ġewwa s‑siegħ.

f) Itla’ fil‑friex
Biex toħroġ
Bħal tan‑nies!

Meta jitla’ iqiegħdu l‑mindila fuq it‑tavla, jagħmlu l‑għliem [sic] u jixtħu fuqu l‑ħobż.

M. Magri, “L-Għerf bla Miktub tal-Maltin. L-Għaxar Taqsima”, Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien 16: 78-79

Tajjeb imbagħad li nifirdu dak li ġabar Magri mill-mod kif ifissru. Għal Magri, il-folklor Malti kien l-aqwa għajn għall-istorja antika ta’ Malta, u b’mod partikolari biex immorru lura għall-għeruq Feniċi ta’ missirijietna. Għalhekk, jorbot dan kollu mad-dinja u l-kult antik tal-Lvant, u jikkonkludi:

Wara dan kollu taħsbu intom li dak il‑għana li jgħidu n‑nisa tagħna lill‑għaġin meta jgħattuh biex jitla’ għandu tabilħaqq x’jaqsam ma’ Kristu Sidna li tela’ minn ġewwa l‑qabar u mar il‑ġenna?

Ma nemminx. Wara li sirna Nsara, neħħew minn dik il‑għanja l‑isem ta’ Adun’na jew Aduni u qiegħdu dak ta’ Kristu.

Magri hawn sejjer żball.

Magri jinsa’ li l-Knisja f’Malta għandha għeruq fondi fid-dinja nisranija tal-Lvant. Għal seklu konna marbuta mad-dinja nisrani Griega. U fil-Knisja Griega Biżantina (kemm ortodossa, kif ukoll kattolika) l-ħobż li jintuża għat-tqarbin mhux ħobż ażżmu — tradizzjoni tal-punent — imma ħobż bil-ħmira. Ta’ min jgħid li dawn iż-żewġ tradizzjonijiet, tal-Lvant u l-Punent, huma komplementari. Fil-Punent, l-użu tal-ħobż bla ħmira, jfakkar (f’sens sagramentali, memorjal mhux biss memorja!) u jorbot mal-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka; fil-Lvant, jorbot ma’ Kristu li jqum rebbieħ fuq il-mewt fl-għodwa ta’ Ħadd il-Għid.

Il-ħmira, għalhekk, għandha sens simboliku qawwi. Hija l-ħmira tas-Saltna ta’ Alla, li ttella’ l-għaġna kollha:

U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla? Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha.”

Luqa 13, 20-21

U x’inhi di il-ħmira? Sant’Injazju t’Antjokja (c. 30-107 w.K.) jikteb:

Warrbu, għalhekk, il-ħmira ħażina, qadima u qarsa, u nbiddlu fil-ħmira il-ġdida, li huwa Ġesù Kristu.

San Injazju t’Antjokja lill-Knisja ta’ Magnesia, Kap. 10

Naħseb li jidher ċar biżżejjed li dawn it-taqbiliet fil-folklor Malti ġejjin mit-tradizzjoni tal-Lvant li kienet qawwija f’pajjiżna saż-Żminijiet tan-Nofs, meta bil-mod il-mod, il-ħajja nisranija f’Malta ntrabtet dejjem iżjed mal-Punent.

Bir-rispett kollu lejn Patri Manwel Magri, hawn l-ideal feniċju għamih, u ma ħallihx jara din ir-rabta nisranija. Jibqa’, però, li Magri kellu raġun jara li l-folklor jagħtina ċ-ċans li nsibu tradizzjonijiet u rabtiet li, mill-bqija, intesew. Iżda fit-tradizzjonijiet ritwali bħal dawn baqgħu ħajjin għal sekli sħaħ.

Leave a comment