
Illum jaħbat San Lawrenz, u dawn il-jiem spiss tisma’ min jitgħaxxaq filgħaxija jġawdi l-ispettaklu magħruf bħala d-dmugħ ta’ San Lawrenz (bl-Ingliż Tears of St Lawrence, jew teknikament Perseid meteor shower), forsi waqt li jgawdi l-frisk tal-żiffa tal-baħar tard filgħaxija. Anzi, b’ċertu romantiċiżmu, il-kultura moderna torbot il-kewkba feġġejja (shooting star) ma’ xi xewqa li wieħed jixtieq jesprimi. Imma dari ma kienx hekk.
Patri Manwel Magri, fil-ġabra ta’ qwiel X’Jgħid il-Malti jew l-Għerf bla Miktub tal-Maltin, jikteb li — fiż-żmien l-imgħoddi — missirijietna kienu jibżgħu mill-kwiekeb feġġejja, u meta jaraw xi waħda, jwiegħdu li ma jgħidu lil ħadd. Nisimgħu x’jikteb Magri:
Bosta nies meta jaraw fis‑sema xi nar nieżel jew għaddej jgħidulu:
67. Nistrok biex tistorni
Sakemm tiġi l‑mewt tiġborni.Huma jafu li dak in‑nar li jaqbad, mhux kewkba tassew; jitkellmu miegħu u jwegħduh li ma jitniffsux: mela huwa xi ħadd, jew biex ingħid aħjar, dak in‑nar hu magħmul minn xi ħadd, li jaħtieġlu li n‑nies ma turix li hu deher fl‑ajru, biex ma ġġibux fil‑għali; xi ħadd sa fl‑aħħar li jista’ jagħmel id‑deni lill‑bnedmin. Il‑biża’ ta’ dan id‑deni huwa hekk ikreh li n‑nisa tistenna hemm kbir għalihom meta ma jgħidux dawk il‑kliem li semmejna; agħar u agħar “hekk wieħed jitkellem: għax dak in‑nar jaqa’ u jaħraq, jew ikisser id‑dinja.”
M. Magri, “L-Għerf bla Miktub tal-Maltin. Is-Seba’ Taqsima”, Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien 12:XI
Magri jissokta jfissrilna għalfejn. Skont Magri dan marbut li l-ħsieb ta’ l-antiki li dawn is-sinjali fis-sema mhumiex ħlief l-erwieħ ħżiena, l-ispirti qliel, li jiġu mixħuta mis-sema l-isfel, u li huwa sinjal ħażin li wieħed jarahom, għalhekk iwiegħdhom li ma jitkellimx, li ma jmux iġibu ‘l hemm fuqu u fuq niesu.
Magri jitkellem dwar dan ukoll fil-« Prècis de mythologie maltaise » (Magri 1907: 105) li kien bagħat lil Kungress Internazzjonali tal-Orientalisti fl-1906. Hawn Magri jsemmu ukoll li dawn il-kwiekeb feġġejja bil-Malti magħrufa ukoll bħala ilsna tan-nar jew sjuf tan-nar.