Għajn Gaddi

[versione italiana]

Busni bil-bewsiet ta’ fommok!
Aqwa mill-inbid imħabbtek.
Fwieħtek issakkar,
oħla minn kull balzmu.

I.

Kmieni ħabbejtek, kmieni wisq,
qalbi fittxitek,
ruħi xxennqet għalik.
U int kellimt dritt lil qalbi,
kliemek oħla mill-għasel,
meta qdejt lejl u nhar quddiemek.
Rajtek mlibbes bis-sebħ u majestà,
fi sħaba t’inċens.

II.

Għaddew is-snin,
u leħnek batta, fwieħtek ntfiet,
Tajt ġidi biex naqla’ mħabbtek,
imma ma ħassejtek iżjed ħdejja.

Fuq friexi, f’iljiel twal,
ixxennaqt għall-imħabba ta’ ruħi:
fittixtek u ma sibtekx.
Nitolbok, tkellem, maħbub tiegħi!
Ħudni mill-ġdid fid-deżert,
u kellem lil qalbi bħal f’żgħoriti.

III.

Jien rieqed, imma ruħi tisgħar.
Leħen il-maħbub! Qed iħabbat!
“Iftaħli ħija, maħbub tiegħi,
rasi kollha nida, xagħri għasra!”

Il-maħbub daħħal idu f’xaqq il-bieb
u ġewwinija triegħdu minħabba fih.
Ruħi ħarġet x’ħin kellimni.

Qomt niftaħlu lill-maħbub
u jdejja qattru bil-mirra,
subgħajja bil-balzmu safi
fuq il-maqbad tal-lukket.

Ftaħt jien lil maħbub,
iżda kien dar u telaq.
Ma laħħaqtx miegħu, ħafif wisq.

IV.

Kemm inti sabiħ, maħbub tiegħi!
Rajtek tiela’ mill-għadira
ħdejn in-nixxiegħa ta’ Blat l-Għażieżel.

Wiċċek ma tpenġihx,
Xuxtek imħarbta mill-ilma,
Ilħitek lewn it-tut.
Sidrek tal-bronz bix-xemx
maħdum mill-aqwa idejn
dahrek maqgħud bħal balluta.
Dirgħajk friegħi f’saħħithom,
riġlejk kolonni mill-iprem
kull nerv minqux sabiħ.

Xtaqtek tħaddanni, trossni miegħek,
imma bżajt, sħajt
inħbejt fil-ġnien u qfiltu.
M’għaraftx inlissen ix-xrara taħraq fija,
maħbub ta’ ruħi.

V.

Leħen il-maħbub!
Hawn hu ġej fuq l-iġbla bħal ċerv
Jitqabeż bħala għażżiela:

“Qum, sabiħ tiegħi,
maħbub tiegħi u ejja!
Ara x-xitwa għaddiet,
ix-xita waqfet.
Fuq l-art deher iz-zahar,
It-tin ħareġ il-karmus tiegħi
Id-dwieli bin-nwar ixerrdu fwiehithom.”

Qum riħ fuq,
ejja riħ isfel.
Rewwaħ il-ġnien tiegħi.
Ejja ħanini, fil-ġnien tiegħek,
iġbor il-mirra u l-balzmu.
Kul mill-frott bnin, u għasel mix-xehda.
L-arbuxelli tal-mirra miġruħa
iqattru balzmu duwa.

“Qum, sabiħ tiegħi,
maħbub tiegħi u ejja!
Inti sraqtli qalbi ħija, għarus tiegħi,
inti sraqtli qalbi b’ħarsa waħda tiegħek.
Imħabbtek aqwa mill-inbid,
Fwieħtek oħla mill-balzmu,
Xofftejk iqattru għasel.
Inti ġnien magħluq, ħija,
ġnien magħluq, nixxiegħa maħtuma.
Il-qwieni tiegħek isaqqu
ġnien ta’ rummien l-iżjed bnin
ta’ henna u ta’ nard,
ta’ nard u ta’ żagħfran,
ta’ qasab ta’ kull fwieħa u kannella.
b’kull siġra ta’ l-inċens,
ta’ mirra u sabbara
ta’ siġar ta’ l-aħjar balzmu.
Il-għajn tal-ġnien tiegħi,
ilma ġieri jgelgel mil-Libanu.”

VI.

Ħudni fil-widien ta’ Għajn Gaddi,
bejn it-tamar u l-balzmu,
nitqabżu bħall-għażieżel.

Onfoħ f’vampa in-nar t’imħabbti
jien u nistrieħ f’dirgħajk qrib il-kaskati.
Ix-xellugija tiegħek taħt rasi,
u l-leminija tħaddanni.

Dawwar għajnejk minni, għax isaħħruni,
ħarstek qawwija wisq.
Imħabbtek taħraq, fjamma divina,
aqwa mill-mewt, u minn art l-imwiet.
Qegħdni bħal ħatem fuq qalbek,
bħal siġill fuq driegħek.
U ħallini nistrieħ, miftuf f’imħabbtek.

3 comments

Leave a comment