
Huma u sejrin għal għonq it-triq, waslu f’post fejn kien hemm l-ilma. U l-ewnuku qal:
Atti 8, 36-38
“Ara, hawn l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?”
Imbagħad ordna li jwaqqfu l-karru, niżlu t-tnejn fl-ilma, hu u Filippu, u dan għammdu.
L-Atti ta’ l-Appostli joffri diversi eżempji ta’ fejn l-Ispirtu s-Santu mexxa lill-Knisja juriha li Alla jimxi mal-bniedem b’mod iżjed wiesgħa. Dan l-ewnuku, minkejja li uffiċċjal mlaħħaq kien eskluż. Eskluż għax barrani. Eskluż għax ewnuku: ma setax jieħu sehem fl-assemblea (Deut 23:1), u ma setax iservi bħala saċerdot kieku kien ta’ nisel Levi u Aaron (Lev 21:20).
Imma hawn il-Mulej iwiegħed permezz ta’ Iżaija:
U ma jgħidx il-frustier li jintrabat mal-Mulej:
Isaija 56, 3-5
“Se jifridni l-Mulej mill-poplu tiegħu.”
Ma jgħidx l-ewnuku:
“Arawni, jiena siġra niexfa!”
Għax dan jgħid il-Mulej:
“Għall-ewnuki li jħarsu Sibtijieti,
u jagħżlu dak li jogħġob lili,
u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
jiena nagħtihom f’dari u swari,
nagħtihom monument u isem,
xi ħaġa aħjar minn subien u bniet;
nagħtihom isem għal dejjem,
li ma jitħassar qatt.
Mhux ta’ b’xejn li dan il-kliem inġabar b’konsolazzjoni minn diversi persuni LGBTQ+ (u mhux biss), li bħall-ewnuku sabu ruħhom esklużi mill-assemblea u forsi ukoll mill-artal.
Forsi f’dis-silta ssib ruħek f’post l-ewnuku, mifxul, eskluż, imma msejjaħ …
jew bħal Filippu, maħtuf mill-Ispirtu s-Santu lil hinn mill-fruntieri tiegħek,
biex tersaq maġenb dan il-karru.
Hu x’inhu iftaħ qalbek għall-ħidma ta’ l-Ispirtu, li jinfoħ fejn irid.