Munita f’maktur

“Mgħallem, hawn hi l-munita. Ħu lura dak li hu tiegħek.”

Kien hemm żmien fejn kont nibża’ nitkellem (U xi ftit għadni). Fejn ma nażżardax nikkumenta fuq issues LGBTQ+, la fis-soċjetà, anqas u anqas fil-Knisja. Terrur, li ma jmurx ħaddiehor jaħseb jew jifhem xi ħaġa dwari. Aħseb u ara kemm kont liberu li nitkellem dwar il-mixja u l-għarfien personali tiegħi! F’ħajti deher li faċli nixħet dil-munita fil-maktur, jew nagħlaq il-bieb u naħbi l-muftieħ.

“Mgħallem, hawn hi l-munita. Ħu lura dak li hu tiegħek.”

Mhux darba jew tnejn xtaqt ngħidlu hekk lill-Mulej. Imma din il-munita għandha ħajja tagħha. Iżjed ma nipprova ninjoraha, iżjed titqal! F’dinja ta’ għeluq, ta’ biża’, ta’ nuqqas ta’ libertà.

Imma l-Mulej dil-munita ma ridiex lura. Anzi diversi mumenti fil-mixja tiegħi sfidawni biex nilqa’ din il-munita mhux bħala prova, bħala xi salib li rrid naċċetta (jaħasra, miskin, mhux “normali”), imma bħala don, bħala rigal. F’ħajti sibtu bħala “ir-rigal mhux mixtieq,” “the unwanted gift”.

Bħal kull don, bħal kull munita, ma tiswa’ għal xejn magħluqha fil-maktur. Il-Mulej iridni ninvestiha, u biex ninvesti, irrid naċċetta r-riskju. Ir-riskju ta’ min ma jifhimnix, u agħar ma jridx jifhem. Min forsi isawwtek b’ilsienu jew bl-atteġġament tiegħu. Dawk l-eħfef li tarahom. Iżjed sottili min, spiss b’intenzjoni tajba, minn naħa jgħid li jilqagħni kif jien, imma mill-oħra jixtieqni nagħlaq ħalqi (“ħabib, mhix problema, imma żommha għalik!”). Donnu jien għandi jkolli għalxiex nistħi, donnu l-għib fuqi. Li nitkellem, speċjalment fuq livell personali, ifisser li niftaħ il-bieb għal min jista’ jattakkani, min forsi irid jagħmilli l-ħsara.

Imma tkellimt. U sibt li iżjed ma nitkellem, iżjed ma naqsam, iżjed niskopri libertà. Iżjed nista’ nkun dak li jien, mingħajr biża’, mingħajr għajb. Ħaddiehor, ħallih jaħseb li jrid. Imma quddiem Alla, naf li maħbub u kollni ġieħ (Iżaija 43,4). U naf li l-ġudizzju tiegħu dak li tassew jgħodd!

“Mgħallem, hawn hi l-munita. …”

Faċli? Anqas xejn. Imma dik il-mirra li tnixxi mill-ġrieħi tas-siġra, issir balzmu prezzjuż. Naf li l-libertà li sibt jien fetħet il-bieb biex ngħin lil ħaddiehor. Biex nimxi ma’ ħaddiehor, biex nakkumpanja lil ħaddiehor fuq livell spiritwali u uman.

“.. bil-mina tiegħek, qlajt ħames miniet.”

Il-Mulej tani li nara xi ftit mill-mod kif l-mirra tiegħi saret balzmu jfuħ u duwa għalija u għal ħaddiehor. Il-Mulej tani li nara xi ftit mill-ġid li dan iwassal — u naf biċ-ċert li ħafna mill-ġid jibqa’ moħbi. Hekk sewwa u xieraq, ħalli ma nkabbarx ras.

F’jum il-ħaqq, il-Mulej għad jitlobni din il-mina bl-imgħax. Sewwa u xieraq li ma mmurx lura biha moħbija fil-maktur.

Leave a comment